16/08/2026
L-ALKOĦOL: X’TAJJEB LI NKUNU NAFU?
L-alkoħol ħafna drabi jkun parti minn okkażjonijiet soċjali, ikliet, ċelebrazzjonijiet u ħin mal-ħbieb jew mal-familja. Madankollu, huwa importanti li ngawdu dawn l-okkażjonijiet b’għarfien u kawtela, għaliex l-alkoħol xorta jista’ jaffettwa s-saħħa, speċjalment meta jiġi kkunsmat b’mod frekwenti jew f’ammonti kbar.
L-alkoħol fih il-kaloriji.
Gramma alkoħol tipprovdi madwar 7 kaloriji, kważi daqs ix-xaħam. Cocktails u mixers biz-zokkor jistgħu jżidu aktar kaloriji li jwassal ghal piz zejjed.
M’hemmx livell ta’ alkoħol li jista’ jitqies kompletament sigur għas-saħħa.
Skont il-World Health Organization (WHO), ir-riskju għas-saħħa jibda anke b’ammonti żgħar u, b’mod ġenerali, aktar ma nixorbu, aktar jiżdied ir-riskju.
Jekk tagħżel li tixrob, evita li tikkonsma ħafna alkoħol f’okkażjoni waħda.
Jekk jiġi kkunsmat matul il-ġimgħa, huwa aħjar li l-konsum ikun mifrux fuq diversi ġranet, minflok jinġabar f’ġurnata jew tnejn. Il-limiti rakkomandati m’għandhomx jitqiesu bħala livelli “siguri”, iżda bħala għodda biex jitnaqqas ir-riskju.
L-alkoħol jista’ jagħmel ħsara lill-fwied.
Konsum għoli jew regolari jista’ jwassal għal akkumulazzjoni ta’ xaħam fil-fwied (fatty liver) u, maż-żmien, jista’ jikkontribwixxi għal infjammazzjoni u ħsara aktar serja fil-fwied.
Ftakar ukoll li l-alkoħol jista’:
- jaffettwa l-irqad u l-konċentrazzjoni;
- iżid ir-riskju ta’ ċerti tipi ta’ kanċer;
- jinteraġixxi ma’ xi mediċini;
- iżid ir-riskju ta’ inċidenti u korrimenti;
- jikkontribwixxi għal żieda fil-konsum tal-kaloriji.
Fejn tidħol is-saħħa, inqas alkoħol ifisser inqas riskju.